Wednesday 25 March 2009

Mrs. Rose Brooks

Fid-9 ta’Marzu 2009, il–Mulej għoġbu jsejjaħ, biex jagħti l-mistrieħ ta’ dejjem, lil Rosy Brooks mill-Kalkara, li kienet membru attiv tal-Ordni Franġiskan Sekular. Rose issieħbet fl-Ordni, fi ħdan il-Fraternita' tal-Kalkara, fit-13 ta' Ottubru 1984 u, skond ir-records miżmuma, pprofessat fl-4 ta' Ottubru 1985. Kienet magħrufa u maħbuba ħafna għall-għajnuna li dejjem tat lill-Ordni u lill-knisja ta' Santa Barbara li tinsab mal-Kunvent ta' Santa Liberata.

Tul ħajjita b’dedikazjoni u ħafna mħabba tat ħafna mill-ħin tagħha tagħmel xogħol volontarju ta’ tindif fil-Knisja msemmija. Anki f’mumenti diffiċli dan ix-xogħol qatt m’abbandunatu. Kienet tħajjar nisa oħra jagħmlu dan kif ukoll tħeġġeġ lil uliedha biex jagħtu sehemhom ukoll.

Fil-festi, speċjalment ta’ San Franġisk u San Ġuda, bl-ikbar imħabba kienet, mill-bidu tal-ġimgħa, taħmi kull xorta ta’pasti li kienu jiġu apprezzati ħafna mill-kommunita’ kollha.
L-aħħar ħames snin ta’ ħajjitha ġiet wiċċ imb’wiċċ mat-tbatija, fejn kienet ta eżempju, speċjalment għal uliedha li dejjem daru biha. Uriethom li bis-sabar, dejjem hemm it-tama. Tathom x’jifhmu li quddiem it-tbatija dejjem trid tiggranfa mas-salib ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, biex f’mumenti ta’qtigħ il-qalb u dubji, nersqu iktar lejh, u nindunaw kemm ikun qiegħed magħna. Meta niftħu qalbna għalih nindunaw li jkun firxilna tapit, u wittielna t-triq. Sakemm fl-aħħar nifhmu li fit-tbatija, l-Mulej ikun dejjem magħna, u dan nindunaw bih, meta nħossuna li rridu nibqgħu infaħħruh, u mhux induru kontra tiegħu. Rosy, f’mumenti fejn ġieli kienet f’waqtiet diffiċli, xorta kont taraha bil-kuruna f’idejha. Għalkemm ma kienx jinstema leħinha, xorta kont tara subajha iżebbġu l-kuruna, waħda wara l-oħra. Kull min mar iżura dejjem kien isibha bil-kuruna mdawra ma idejha.

Tul is-sena li għamlet l-isptar, jekk f’mumenti kont tara u taħseb li Rosy qiegħda fl-isbaħ raqda, hekk kif kont tgħidilha li ġie xi ħadd jaraha, immedjatament kienet tiftaħ għajnejha u tagħmel ħilitha kollha biex turi l-apprezament lil dawk li kienu jmorru jżuruha. B’mod speċjali, kif kienet tinduna bil-preżenza ta’saċerdot maġenba, kont tara l-movimenti ta’wiċċha jinbidlu bil-ferħ. Okkażjoni speċjali għaliha kienet meta L-Eċċelenza tiegħu, l-Isqof Pawlu Cremona żar l-isptar, u kif resaq lejn is-sodda tagħha, stajt tinduna bil-paċi li kienet qed tħoss ġewwa qalbha. Fl-aħħar ġranet, f’mumenti diffiċli ta’ ħajjitha, patri Franġiskan minn Għawdex, resaq lejha biex ikellimha. F’dak il-ħin ma kienx hemm tama li tiftaħ għajnejha, imma kif bintha qaltilha ‘Ma, hawn Patri ġie jarak’, għajnejha infetħu b’ċertu entużjażmu.

Fil-Funeral tagħha, li sar fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara, barra il-familjari, attendew u kkonċelebraw Patrijiet mill-kommunita ta' Santa Liberata kif ukoll ħafna mill-membri tal-Fraternita' tal-Kalkara fejn kient maħbuba ħafna u nies mill-inħawi ta Santu r-Rokku fejn hi kienet mgħarufa sewwa.

Waqt li nitolbu għal din oħtna għażiża, nirringrazzjaw lil ħanin Alla ta’ kemm għinha fit-tbatija tagħha, u ta s-sabar lil uliedha. Nitolbuh iħenn għaliha, jagħtiha l-mistrieħ ta’dejjem u jdaħħalha fid-dawl tas-Sebħ tiegħu biex tgawdih fil-hena għal dejjem

No comments: