Tuesday 30 December 2008

Velja ta l-ahhar tas Sena

QUDDIEMEK, HAWN MIĠBURA

Velja fl-aħħar tas-sena

(Ċel.: Ċelebrant, Lett.: Lettur, Flim.: Flimkien)


Ċel. Fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben, u ta’ l-Ispirtu s-Santu.
Flim. Amen.

Cel.: Għaddiet sena, sena oħra min ħajjitna u sena oħra fl-istorja tal-bniedem. Issa huwa l-ħin tar-rendikont, il-ħin biex fih infaħħru u nirringrazzjaw lil Mulej. Għaddejna min mumenti sbieħ u oħrajn ta’ niket, imma n-nisrani kollox hekk għandu jilqa’, b’mod sempliċi u meqjus. Iż-żmien li għadda huwa parti mill-istorja tagħna tant għal qalb il-Mulej Alla. Huwa jinsab magħna, dejjem.

Flim.: Hawn aħna quddiemek, Mulej, b’nifisna maqtugħ wara mixja hekk twila.
M’aħniex għajjena għaliex imxejna xi mili twal matul xi triq bla tmiem.
Għajjenin għaliex ħafna passi meddejnihom fuq triqatna, mhux fuq triqatek, Mulej.
Imxejna matul il-passaġġi mudlama ta’ l-egoiżmu tagħna mhux dawk imdawwla mill-parir siewi tal-kelma tiegħek.
Għax aktar afdajna fl-isforzi msieken tagħna li għajjewna, bla ma għarafna nintelqu fiduċjużi fil-ħniena tiegħek.

Ċel.: Hawn quddiem il-Mulej, ngħarfu n-nuqqasijiet tagħna li ċajpru u dalmu l-istorja tagħna ta’ din l-aħħar sena, speċjalment meta konna responsabbli tat-tbatija ta’ ħaddieħor u flimkien nitolbuh:
Mulej hniena.

Lett.: Nitolbuk maħfra Mulej ta’ kemm il-darba għixna u għaddejna ż-żmien tagħna bħalli kieku m’hemmx Alla
Flim.: Mulej ħniena.

Lett.: Nitolbuk maħfra ta’ kemm il-darba ma għixniex fl-imħabba bejnietna u ma lqgħajniex u ma ħfirniex lil- proxxmu
Flim.: Mulej ħniena.

Lett.: Nitolbuk maħfra tal-ħażen li xjentement għamilna matul din is-sena
Flim.: Mulej ħniena.

Lett.: Nitolbuk maħfra ta’ kemm il-darba ma għarafniex nfittxu l-paċi u nitbegħdu mill-ġlied ta’ bejnietna
Flim.: Mulej ħniena.

Lett.: Nitolbuk maħfra ta’ l-għebusija ta’ rasna u ta’ kemm il-darba mponejna l-għażliet tagħna fuq ħaddieħor
Flim.: Mulej ħniena.

Lett.: Nitolbuk maħfra tal-ġid kollu li stajna għamilna u ma għamilnix għax bżajna jew stajħna jew traskurajna.
Flim.: Mulej ħniena.

Ċel.: “Is-sena t-tajba!” Min hawn u ftit ieħor, fost tant briju, tibda sena oħra fl-istorja ta’ ħajjitna. Ilkoll nifirħu u nixtiequ lil xulxin sena mimlija ferħ, risq u paċi. Mhux li kieku kollna kemm aħna matul is-sena li dalwaqt tibda nħossu l-istessa ħeġġa li biha,f’dawn is-sigħat, nagħmlu u nirċievu l-awguri sbieħ. Żgur li kieku l-kawża tal-paċi fid-dinja tkun diġa nofsha mirbuħa.

Lett.: Ħa jasal malajr iż-żerniq ħalli nistqarru b’għemilna iktar milli bi kliemna li Ġesu’ Kristu huwa ħaj u jakkumpanjana fil-mixja tagħna f’din id-dinja!

Ċel.: Sena għodda spiċċat u oħra se tibda, u hawn aħna lesti biex bħala nsara ngħixu sena oħra fil-grazzja tal-Mulej. Nawguraw tant affarijiet sbieħ lil xulxin ... ejjew nawguraw lil xulxin li din is-sena ngħixuha tassew fil-grazzja tal-Mulej, li l-ħażen ma jaħkimx aktar fuqna u ma jħassarx iktar lill-ħajjitna. Ejjew nawguraw lil xulxin li l-Mulej isaltan fil-qlub tagħna.

Lett.: Il-Mulej hu l-qawwa tiegħi u t-tarka tiegħi, fih ittamat qalbi; ksibt l-għajnuna u ferħet qalbi; nroddlu ħajr bil-għana tiegħi. (Sal 28,7)

Flim.: Grazzi Mulej ta’ din is-sena li għoġbok tagħtina
Talli sejjaħtilna għal fidi li biha għanejtna
Għal-kisbiet u suċċessi li kellna, u anki għat-tbatijiet u ħsara li għaddejna minnhom, għaliex dawn il-mumenti għalmuna ngħollu l-ħsieb tagħna lejk.
Għal-hena ta’ dejjem li Inti wegħedtna,
għal persuni kkonsagrati li matul din is-sena ħadmu fl-għalqa tal-Mulej u għal ġid tagħna
u għal dawk ħutna madwar id-dinja kollha li bil-ħidma tagħhom irnexxilhom iwasslu mumenti ta’ ferħ lil bnedmin sħabhom.
Agħmel Mulej li nibdew is-sena ġdida bil-ferħ fi qlubna,
li nittieħdu mill-ezempju u l-imħabba tiegħek,
li bl-imġieba tagħna nfehmu lil ħutna x’esperjenza mill-isbaħ hija mixjietna miegħek.
Aħna żguri li s-sena l-ġdida, żmien futur mhux magħruf u esperjenzi li la huma mnissla lanqas miktuba,
hija rigal li Inti jogħoġbok tagħtina.
Aħna nagħmlu l-almu tagħna flimkien ma sħabna bnedmin ta’ rieda tajba sabiex dik li ġejja tkun l-isbaħ sena.
Miegħek u bl-għajnuna tiegħek, jirnexxilna, Mulej! Amen.

Cel.: Il-paċi hija rigal li titwieled meta qalbna tinfetaħ għal-għajn tal-vera ħajja. Li nagħtu l-paċi lil xulxin ifisser li bħal aħwa, aħna lesti naqsmu kollox, imma l-iktar id-don tal-fidi. Is-sinjal ta’ paċi li nagħtu lil xulxin huwa, mela, mpenn ta’ lejalta’ li bih nilqgħu lil ħutna bħala messaġġiera ta’ mħabba u maħfra.

Flim.: Mulej Ġesu’ Kristu, li għidt lill-Appostli tiegħek: inħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi, la tħarisx lejn dnubietna, izda ħares len il-fidi tal-Knisja tiegħek; agħtiha s-sliem u l-għaqda li Inti trid fiha. Inti li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Ċel.: Il-paċi tal-Mulej tkun dejjem magħna llkoll .... nagħtu sinjal ta’ paċi lil xulxin.

Ċel.: O Missier l-aktar tajjeb u ħanin, ilqa’ t-talb tagħna f’dawn l-aħħar ħinijiet ta’ din is-sena u b’Ibnek Ġesu’ Kristu mexxina ‘l quddiem lejn il-futur li Inti ħejjejt għalina. O Missier, Alla u mħabba, Alla ħaj u veru, agħtina l-barka tiegħek biex mhux illum biss, izda f’kull mument ta’ ħajjitna, flimkien ma’ Marija Omm l-Iben tiegħek, nkunu nistgħu nkantawlek innijiet ta’ radd il-ħajr. Ferħana għaliex Inti tgħoddna bħala uliedek u żguri li Inti tismagħna, nitolbuk barka speċjali waqt li flimkien ngħidulek:

Flim.: Lilek, o Alla, infaħħru: lilek b’Mulej nistqaru
Lilek, Missier ta’ dejjem, id-dinja kollha tqimek.
Lilek l-anġli kollha,
lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,
lilek il-kerubini u s-serafini
ixandruk bla hena:
Qaddis, Qaddis, Qaddis
il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.
Is-smewwiet u l-art mimlija
bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar il-ġemgħa ta’ l-Appostli.
Lilek ifaħħar l-għadd sabiħ tal-Profeti.
Lilek ifaħħru
il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha il-Knisja Mqaddsa tistqarr fik:
il-Missier, ta’ kobor bla qies
l-Iben tiegħek miqjum, veru u waħdieni
u l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur.

Kristu, inti s-Sultan glorjuż.
Inti minn dejjem Bin il-Missier.
Int, biex teħles lill-bniedem,
ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.
Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt,
u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla,
fis-sebħ tal-Missier.
Aħna nemmnu
li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.
Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek,
li int fdejt b’demmek il-għażiż.
Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek
fil-glorja ta’ dejjem.

Salva lill-poplu tiegħek Mulej,
bierek il-wirt tiegħek.
Kun ir-ragħaj tagħhom,
erfagħhom għal dejjem.

Min jum għall-ieħor aħna nberkuk
u nfaħħru ismek għal dejjem,
u għal dejjem ta’ dejjem.
Agħmel, Mulej, li llum,
inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina Mulej, ħenn għalina.
Ħa tkun fuqna Mulej it-tjieba tiegħek,
kif fik hi t-tama tagħna.
Fik, Mulej, jien nistkenn:
ma jkolli qatt għax ninfixel.
Cel.: Alla kollu mħabba, Sid ta’ kollox u ta’ kull żmien
Ibierek għemil idejna u ikattar il-ġranet tagħna fil-Paċi Tiegħu
Jisma’ t-talb tagħna
U iwassalna għal ferħ ta’ dejjem!

Flim. Amen.

Friday 19 December 2008

Ms. Antonia Abdilla - ex Ministru




Il-Fraternita' tal-Kalkara tinsab f'luttu għall-mewt ta' waħda mill-għeżeż ex-ministri tagħha, is-Sinjorina Antonia Abdilla li mietet fl-Isptar Mater Dei nhar it-Tlieta 16 ta' Diċembru 2008 fl-eta ta' 91 sena.
Fil-ħajja Tonina kienet għalliema li bdiet il-karriera tagħha fl-aħħar gwerra dinija. Ġenerazzjonijiet ta' Kalkariżi tgħallmu taħtha u fil-Funeral kien hemm ħafna anzjani preżenti li tgħallmu fil-klassijiet tagħha. Sinjal ċar ta' kemm kienet apprezzata u maħbuba.

Membru għal żmien twil fl-OFS (Terzjarji kif kienu magħrufin dak iż-żmien) hi ħadmet fuq li ħadmet fil-Fraternita' tal-Kalkara flimkien ma Father Joe Garzia u Joe Pace. Kienet ministru tal-Fraternita' għal mill-inqas darbtejn u għal ħafna drabi bħala membru tal-Istess Kunsill. Tonina tat ukoll servizz regolari bħala kunsilliera fil-Kunsill Nazzjonali Kappuċċin tal-Ordni Franġiskan Sekular qabel ma saret l-għaqda. Barra min dan għal snin twal kienet kuljum tgħallem id-duttrina lit-tfal għall-preċett u għall-griżma fil-Kunvent ta' Santa Liberata.
Miss Abdilla kienet mara xipli, imma enerġika u taħdem ħafna. Kienet tispikka fiha l-umilta'. Figura ċentrali fost dawk li jmorru fil-Knisja ta' Santa Barbara, li qegħda mal-Kunvent ta' Santa Liberata, hi ġibdet ħafna nies lejn l-Ordni bl-eżempju ta' ħajjitha u bl-inkoraġġiment tagħha. Kienet vera Sekulara Franġiskana magħrufa u maħbuba min kulħadd speċjalment mill-membri kollha tal-Fraternita tal-Kalkara kif ukoll minn nies tal-inħawi.

Waqt li nitolbu għal din oħtna għażiża, aħna konvinti li l-Mulej ħenn għaliha, itiha dak li ħaqqha u jdaħħalha fid-dawl tas-Sebħ tiegħu biex tgawdih fil-hena għal dejjem.

.