Friday 19 December 2008

Ms. Antonia Abdilla - ex Ministru




Il-Fraternita' tal-Kalkara tinsab f'luttu għall-mewt ta' waħda mill-għeżeż ex-ministri tagħha, is-Sinjorina Antonia Abdilla li mietet fl-Isptar Mater Dei nhar it-Tlieta 16 ta' Diċembru 2008 fl-eta ta' 91 sena.
Fil-ħajja Tonina kienet għalliema li bdiet il-karriera tagħha fl-aħħar gwerra dinija. Ġenerazzjonijiet ta' Kalkariżi tgħallmu taħtha u fil-Funeral kien hemm ħafna anzjani preżenti li tgħallmu fil-klassijiet tagħha. Sinjal ċar ta' kemm kienet apprezzata u maħbuba.

Membru għal żmien twil fl-OFS (Terzjarji kif kienu magħrufin dak iż-żmien) hi ħadmet fuq li ħadmet fil-Fraternita' tal-Kalkara flimkien ma Father Joe Garzia u Joe Pace. Kienet ministru tal-Fraternita' għal mill-inqas darbtejn u għal ħafna drabi bħala membru tal-Istess Kunsill. Tonina tat ukoll servizz regolari bħala kunsilliera fil-Kunsill Nazzjonali Kappuċċin tal-Ordni Franġiskan Sekular qabel ma saret l-għaqda. Barra min dan għal snin twal kienet kuljum tgħallem id-duttrina lit-tfal għall-preċett u għall-griżma fil-Kunvent ta' Santa Liberata.
Miss Abdilla kienet mara xipli, imma enerġika u taħdem ħafna. Kienet tispikka fiha l-umilta'. Figura ċentrali fost dawk li jmorru fil-Knisja ta' Santa Barbara, li qegħda mal-Kunvent ta' Santa Liberata, hi ġibdet ħafna nies lejn l-Ordni bl-eżempju ta' ħajjitha u bl-inkoraġġiment tagħha. Kienet vera Sekulara Franġiskana magħrufa u maħbuba min kulħadd speċjalment mill-membri kollha tal-Fraternita tal-Kalkara kif ukoll minn nies tal-inħawi.

Waqt li nitolbu għal din oħtna għażiża, aħna konvinti li l-Mulej ħenn għaliha, itiha dak li ħaqqha u jdaħħalha fid-dawl tas-Sebħ tiegħu biex tgawdih fil-hena għal dejjem.

.

No comments: